Mawra sal-wirja dwar il-kompożitur Żejtuni Carlo Diacono

Nhar il-Ħamis 24 ta’ Novembru 2016, aħna l-istudenti tal-klassi 8 Qroll flimkien mal-għalliema Ms.Massabielle Zammit ħrabna ħarba qasira lejn il-każin tal-Għaqda Mużikali Beland li jinsab fiż-Żejtun. Hawnhekk żorna wirja dwar il-ħajja ta’ Carlo Diacono u x-xogħlijiet mużikali importanti li kiteb għall-banda kif ukoll mużka sagra li għadha tindaqq fil-knejjes.

Iż-żjara bdiet meta dħalna fis-sala fejn kien hemm il-wirja u bdejna nosservaw ix-xogħol ta’ Carlo Diacono fosthom il-partituri oriġinali miktuba bil-lapes li kien kiteb hu stess. Grazzi għall-gwida li kellna, is-Sur Charles Debono stajna nifhmu aħjar dak li konna qed naraw fosthom l-istrumenti tal-mużika li kien juża Carlo Diacono.
Carlo Diacono twieled iż-Żejtun fl-1 t’April fl-1876. Fis-sena 1897 hu kompla jimxi fuq il-passi ta’ missieru sabiex inħatar surmast tal-banda Beland li kien waqqaf missieru stess, Orazio. Matul ħajtu, Carlo Diacono kiteb diversi biċċiet ta’ mużika sagra għall-quddies fosthom Oratorji u Antifoni li għadna nisimgħuhom. Mro. Diacono ħalla din id-dinja fil-15 ta’ Ġunju tas-sena 1942. Iżda l-mużika tiegħu għadha ħajja u ppriservata fil-każin tal-Beland.

Din il-ħarġa kienet interessanti ħafna għaliex permezz tagħha tgħallimna iżjed fuq l-oriġini tal-banda Beland u min kien Carlo Diacono.

Miktuba minn Marija Calleja tal-klassi 8 Qroll

Posted on 02/12/2016, in Attivitajiet. Bookmark the permalink. Leave a comment.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *