Category Archives: Kotba interessanti

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Toni Bajjada” ta’ Ġuże’ Muscat Azzopardi

Ġuże’ Muscat Azzopardi twieled Ħal Qormi fl-1853. Huwa magħruf l-iżjed għar-rumanzi storiċi li kiteb fosthom Viku Mason, Ċejlu Tonna, Susanna u Nazju Ellul.
Toni Bajjada hu rumanz antik Malti li Ġuże’ Muscat Azzopardi kiteb fl-1878. Rumanz bi ġrajja li sseħħ f’Malta ta’ żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565. Dan Toni Bajjada kien ġuvni min-Naxxar mibrum b’saffejn. Twil u fuq tiegħu, ħafif daqs it-tajr, bniedem li meta jdaħħal ħaġa f’rasu ħadd ma jdawru iżjed. Wiċċu samrani, ħuġbejh mimlija, xagħru iswed tuta, għajnejh donnhom jitkellmu. Demmu kien tħossu jiġbdek, qalbu f’idejh, ħelu ma’ kulħadd; il-kelma qerq lanqas kien jaf biha. Permezz ta’ dan l-eroj Malti Azzopardi ried inissel fiduċja fil-Maltin u mħabba lejn pajjiżhom. Pajjiż li kien għadu maħkum mill-barrani u jittama li xi darba għad jikseb rajh f’idejh.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Rigal tal-Milied” ta’ Trevor Żahra

Ktieb li jinżillek għasel għal dawn il-jiem tal-festi tal-Milied hu appuntu Rigal tal-Milied ta’ Trevor Żahra. F’dan il-ktieb minbarra li fih erba’ stejjer u reċta bit-tema tal-Milied wieħed isib ukoll affarijiet u tagħrif ieħor marbut ma’ din il-festa. Wieħed isib:
• Logħob, ċajt u komiks.
• Għanjiet oriġinali bil-mużika stampata.
• Logħob għal waqt xi festin tal-Milied.
• Tagħrif kif tagħmel tiżjin ħafif għall-
Milied.
• Ideat għat-tiżjin tad-dar.
• Riċetti Maltin.
• Tagħrif dwar il-Milied Malti ta’ dari.
• Siltiet ta’ qari mill-Evanġelju.

L-ewwel ktieb Malti li joffrilek kollox dwar din il-festa sabiħa tal-Milied. Ktieb li darba taqrah ser tibqa’ tfittxu u kull Milied tniżżlu minn fuq l-ixkaffa u tagħmel użu minnu.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Inkwatru Misterjuż” ta’ Tony C. Cutajar

Kif bosta jafu ħafna rkejjen fil-gżejjer Maltin għandhom xi storja jew xi leġġenda marbuta magħhom.
Tony C. Cutajar b’ħila kbira niseġ ġrajja interessanti li hija mibnija fuq waħda minn dawn il-leġġendi popolari.
Dan ir-rumanz huwa mibni fuq il-leġġenda tal-Mensija f’San Ġwann meta l-bidwi Indrì jkun qed iħaffer biex jagħmel bir. Id-dawl li ħareġ minn ħofra fl-art juri għar li mirdum fih ikun hemm inkwatru reliġjuż antik ħafna. Huwa jieħdu għand il-Kappillan ta’ Birkirkara iżda għal darbtejn dan l-inkwatru jerġa’ jinstab fl-għar. Jeħduh għand l-Isqof iżda l-inkwatru misterjuż jerġa’ jmur fejn kien qabel.
Il-kitba mexxejja ta’ Tony C. Cutajar iddaħħlek fl-ispirtu ta’ din il-ġrajja u tħallik fuq ix-xwiek sakemm issir taf kif ser tintemm.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti” ta’ Carmel G. Cauchi

Ftit ġranet ilu xi studenti mill-iskola tagħna kellhom lezzjoni tal-Malti b’differenza. Fiha kellhom laqgħa interessanti mal-awtur popolari Carmel G. Cauchi. L-awtur li l-istudenti tal-ewwel sena tas-sekondarja huma midħla tiegħu permezz tal-ktieb Zito Zandarell-Ġrajjiet ta’ tifel aljen li huma jistudjaw f’din is-sena. Huwa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-pubblikazzjoni ta’ għadd kbir ta’ kotba għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Huwa qasam mal-istudenti xi tifkiriet ta’ tfulitu u tkellem ukoll dwar il-karriera tiegħu ta’ għalliem u lejn l-aħħar bħala Assistent Kap fi skola Primarja. Xi wħud mit-tifkiriet li semma’ mal-istudenti nsibuhom fil-ktieb tiegħu Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti.

Dan il-ktieb mhuwiex ktieb li fih Carmel G. Cauchi jimraħ fil-fantasija biex joħloq xi storja fittizja bħalma għamel f’kotba oħra qabel. Kotba li fihom laqqagħna ma’ bosta karattri li ħoloq Cauchi stess, bħal Pietru Pitravu, Mastru Gerfex, Betta Trombetta, Ramon u Sardinellu u ħafna oħrajn. F’dan il-ktieb jirrakkonta fatti – drawwiet u ġrajjiet li seħħew tassew. Cauchi jeħodna lura fi żmien tfulitu, fis-snin ħamsin u sittin bikrin, biex miegħu nqallbu l-album tat-tifkiriet. Jistedinna ngħaddu miegħu mill-iskola tan-nuna għal dik primarja u mbagħad il-Liċeo. Idaħħalna fid-dar qadima ta’ tfulitu u jlaqqagħna ma’ qrabatu. Jaqsam magħna l-istil ta’ ħajja sempliċi li għex fi tfulitu bil-ħelu u l-morr tagħha.

Dan huwa ktieb li jappella għall-qarrejja kbar li għexu dawk is-snin għax iġeddilhom it-tifkiriet. Imma jappella wkoll għall-qarrejja żgħar għax jurihom kemm it-tfulija tal-imgħoddi kienet differenti minn dik tal-lum.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Il-Għar tax-Xelter” ta’ Trevor Zahra

Fil-bidu tal-karriera tiegħu bħala kittieb, Trevor Żahra kiteb għadd ta’ avventuri għat-tfal. Dawn il-kotba kollha kienu popolari mal-qarrejja tant li matul is-snin ħarġu diversi edizzjonijiet tagħhom. Il-Għar tax-Xelter huwa wieħed minn dawn il-kotba tal-avventura. Il-ġrajja tlaqqagħna ma’ Louis, Mario u Rita li kien il-gost tagħhom ikunu għand iz-zija Karm u z-ziju Pawl.
Iżda meta semgħu bil-ġrajja tax-xelter dan il-gost inbidel f’avventura l-vera stramba li twassalhom sabiex jiskopru ħafna affarijiet. Fil-ġrajja tidħol is-Sinjura Roż li xi kultant tkun ta’ tfixkil u xi drabi ta’għajnuna. Ktieb li kif taqrah żgur li jħajrek taqra ieħor minn din is-sensiela ta’ avventura.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-kotba “Storikus 1” u “Storikus 2” ta’ Simone Spiteri

Għall-kuntrarju tas-soltu l-kotba tal-lum mhumiex rumanzi jew qegħdin jirrakkontaw storja fittizja. Illum flok ktieb wieħed għandna żewġ kotba li jiffurmaw parti minn sensiela ġdida li b’mod divertenti jressquna aktar qrib l-Istorja ta’ Malta. Fil-fatt kif jgħidilna s-sotto titlu, dawn joħduna “dawra mal-Istorja tal-gżejjer Maltin u l-Mediterran.

Storikus 1 huwa l-ewwel volum f’sensiela ta’ kotba tal-Istorja għas-sekondarja. Diversi aspetti mill-Istorja ta’ Malta, miż-żmien Preistoriku sal-wasla tal-Għarab, huma ppreżentati kronoloġikament b’mod informattiv, interessanti u ħolistiku.

Ix-xogħol u attivitajiet li fih jagħtu lok lill-għalliema u l-istudenti għal djalogu, riċerka u dibattitu. Kull Taqsima tinkludi wkoll word banks, reviżjoni fil-qosor, tabelli ta’ fatti relatati mal-lezzjoni, bijografiji qosra ta’ karattri storiċi prinċipali, eżerċizzji u mistoqsijiet, logħob, spunti għal iżjed riċerka u proġetti, testijiet, ritratti, illustrazzjonijiet, u mapep.

Storikus 2 li huwa t-tieni volum f’din is-sensiela ta’ kotba tal-Istorja għas-sekondarja niltaqghu ma’ diversi aspetti mill-Istorja ta’ Malta, minn Żmien il-Medjuevu sal-wasla tan-Normanni, mir-Rinaxximent madwar l-Ewropa u Żmien l-Iskoperti sal-Assedju l-Kbir tal-1565.

Iż-żewġ kotba minbarra li huma miżgħuda b’ritratti u stampi li jgħinuk tifhem aħjar din il-mixja fl-Istorja ta’ pajjiżna, insibu wkoll illustrazzjonijiet oriġinali kkulluriti ta’ Nicole Diacono. Meta dawn iż-żewġ kotba jiġu f’idejk żgur li tibda tapprezza aħjar l-Istorja ta’ Malta. L-apprezzament jiżdied aktar meta ssir taf li dawn il-kotba huma miktubin minn Simone Spiteri li ftit tas-snin ilu kienet studenta fl-iskola tagħna.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Il-Familja Vella” ta’ Francis Ebejer

Francis Ebejer hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa drammaturgi Maltin. Minbarra d-drammi hu magħruf ukoll għall-pinna tajba li kellu bl-Ingliż li dehret fl-aqwa tagħha fir-rumanzi li huwa ppubblika f’din il-lingwa. Ma tantx nassoċjaw lil Francis Ebejer mal-kitba tat-tfal. Fil-fatt dawn is-seba’ stejjer li nsibu f’dan il-ktieb huma l-uniċi li dan l-awtur magħruf qatt kiteb għat-tfal. Oriġinarjament dawn kienu dehru bl-Ingliż u f’forma iqsar fil-ġurnal Children’s Own u ħafna snin wara dehru maqlubin għall-Malti, riveduti u miżjuda fil-magażin Sagħtar
Dawn l-istejjer juru kittieb matur b’ħakma qawwija tal-lingwa u tal-pajsaġġ Malti, u huma miżgħuda b’karattri ħelwin li żgur tinġibdu lejhom. Fihom issibu taħlita ta’ drawwiet lokali għad li xi ftit antiki, ta’ mumenti komiċi, ta’ umoriżmu u anki xi waqtiet ta’ tensjoni. Din it-taħlita għandha żżommkom interessati mill-bidu sal-aħħar f’dak kollu li qed jiġri fil-familja Vella. Il-ktieb hu mżewwaq bi stampi sbieħ ta’ Marisa Attard.

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Arloġġ u Tila” ta’ Roberta Bajada

arlogg u tila

Missier Ponsjetta u Peter Van der Mark sparixxa. Ħareġ mid-dar u ħadd ma rah iżjed. U hekk f’salt, l-aħwa jsibu ruħhom mingħajr ġenituri, jgħixu fid-dar enormi taz-ziju Alfonso. Hemmhekk, Ponsjetta u ħuha jispiċċaw imġiegħla jnaddfu u jikinsu, u bilkemm jistgħu joħorġu mid-dar. Imma meta Romeo, il-ġardinar, jagħtiha arloġġ misterjuż, Ponsjetta tiskopri li hemm xi ħaġa stramba ħafna għaddejja f’dik id-dar.

Intant, ġewwa l-Polonja, iqum ferment kbir għax pittura famuża mad-dinja kollha sparixxiet mis-sala ta’ mużew. Anzi mhux sparixxiet, iżda żvujtat …

Lura fiż-żmien: fis-seklu ħmistax, iż-żagħżugħa Cecilia Gallerani tippoża għal ritratt quddiem il-pittur Leonardo Da Vinci — hekk żgur li ssaħħar lid-Duka u jiżżewwiġha …

Imma x’għandu x’jaqsam dak li ġara sitt mitt sena ilu, ma’ Ponsjetta, Peter u l-għajbien ta’ missierhom?

Rumanz b’avventura mill-aqwa li tħallik bla nifs!

Reċensjoni

Reċensjoni tal-ktieb “Riħ Isfel” ta’ Pierre J. Mejlak

Pierre J. Mejlak huwa awtur żagħżugħ li reċentement b’kitbietu qed iżewwaq il-letteratura moderna Maltija. Pierre twieled Għawdex iżda jghix Brussell fejn jaħdem bħala traduttur.
Riħ Isfel hu rumanz li kiseb suċċess kbir għal Mejlak meta ħareġ fl-2007. Ġrajja li żżommok tkompli għaddej bil-qari sal-aħħar paġni ħalli ssir taf x’se jiġri. Rumanz addattat ferm għall-istudenti fil-klassijiet il-kbar tas-Sekondarja.
F’raħal żgħir fejn kważi qatt ma jiġri xejn, qed jibda sajf ieħor kollu riħ isfel u gdim tan-nemus. Imma did-darba qed jibda bil-kbir għax tifel ta’ ħdax –il sena joħroġ mid-dar u ma jerġax jidħol lura.
Ommu qed tibkih. Il-pulizija qed ifittxuh. Il-qassisin qed jitolbu għalih u fil-każin qed jinġemgħu ħafna iżjed nies mis-soltu. Fil-frattemp, Jason qed jipprova jirranġa mal-isbaħ tifla tar-raħal. Aqrah ħalli ssir taf fejn sparixxa Jonathan jew jekk ġie maħtuf min ghamel dan.

Reċensjoni

Reċensjoni “Ħolm tal-Milied?” ta’ Trevor Zahra

Ktieb li wieħed għandu jaqra f’dawn il-ġranet sbieħ tal-Milied huwa bla dubju Ħolm tal-Milied? ta’ Trevor Żahra. Din il-ġrajja fantastika tlaqqagħna ma’ Leli u l-ħolm stramb tiegħu.
Tgħid, il-Milied x’kellu merfugħ għal Leli…jiem ta’ ferħ jew aktar diżgrazzji, kif kienet dejjem tgħid in-nanna? Il-wiċċ tax-xwejjaħ li Leli ra fil-mera tat-twaletta, il-pasturi li sejħu lil Liża, il-marda ta’ Betti, il-ferħ tax-xiħ u x-xiħa, id-daqq taż-żaqq u l-qbiż ta’ Nenu l-Grawwa…kollox jingħaqad fi sħaba ta’ ħolm stramb. Imma tgħid…ħolm jew mhux ħolm!?
Ġrajja li tlaqqagħna ma’ għadd ta’ drawwiet u tradizzjonijiet Maltin marbuta ma’ din il-festa qaddisa. Drawwiet li jdaħħlu liż-żgħar f’dinja ta’ Milied li forsi ma jafux. Min-naħa l-oħra aħna l-kbar titqanqal fina nostalġija għal dak il-Milied sempliċi ta’ tfulitna.

Reċensjoni

Reċensjoni “Is-Salib tal-Fidda” ta’ Wistin Born

Wieħed mir-rumanzi klassiċi li nsibu fil-letteratura Maltija huwa r-rumanz Is-Salib tal-Fidda. Li għalkemm inkiteb fl-1939 baqa’ popolari mal-medda tas-snin. Patri Born fassal żewġt iqlub żgħażagħ li għalkemm mifrudin mill-qatgħa soċjali tagħhom b’riħet ġrajjiet ta’ qsim il-qalb jispiċċaw taħt saqaf wieħed.
Meta mietet ommu, Xandru baqa’ waħdu fid-dinja, imma t-tabib Pawlu Zammit li kien bniedem ta’ qalb tajba, ġabru f’daru u rabbieh bħal ibnu. It-tabib kellu tifla jisimha Rożina, ftit iżgħar minn Xandru. Għalkemm fil-bidu ż-żewġt itfal ma qablux forsi minħabba l-mistħija ta’ Xandru, bil-mod il-mod bdew jinġibdu lejn xulxin. Min kien Bertu li jidħol f’nofs din l-imħabba sinċiera? Il-ġrajja ta’ mħabba ta’ Rożina u Xandru tiġi effettwata wkoll mis-serqa tas-salib antik tal-fidda li minn ġenerazzjoni għall-oħra għadda sakemm wasal għand it-tabib Zammit.

Reċensjoni

Reċensjoni “Il-Kisba tan-Nar u stejjer oħra mill-mitoloġija Griega” ta’ Saviour Sammut

Kos, min jaf kif bdew l-istaġuni u min kebbes l-ewwel nar? Minn fejn ġabha l-idea l-bniedem li għad jista’ jtir imqar jekk fuq ajruplan? Tgħid kien ikun hawn dwejjaq u ferħ u problemi fid-dinja kieku ma nfetħitx il-kaxxa ta’ Pandora? Kull ċiviltà għandha l-istejjer tagħha dwar dan u iżjed minn hekk. Dal-ktieb fih ġabra mill-istejjer tal-mitoloġija Griega tal-qedem. Stejjer affaxxinanti ta’ eroj, mostri u allat. L-idea hi li jiftaħ l-aptit għal iżjed qari dwar stejjer li nħolqu eluf ta’ snin ilu u li għadhom jinqraw sal-ġurnata tal-lum. Permezz ta’ dawn l-istejjer inbexxqu bieb fuq il-fantasija li twieldet mal-bniedem. Illustrazzjonijiet ta’ Nicole Diacono.

Reċensjoni

Reċensjoni “Sfidi” ta’ Trevor Zahra

Sfidi huwa ktieb tal-awtur popolari magħkom Trevor Żahra. Ktieb li jinżel għasel mal-istudenti li qegħdin fil-klassijiet il-kbar tal-iskola sekondarja.
X’jiġri meta grupp ta’ żgħażagħ jibdew jagħmlu għadd ta’ sfidi bejniethom li jkunu ta’ riskju kbir? Ċajt perikoluż li jista’ jdaħħalhom fi xkora nkwiet. L-istorja tibda b’Mario li hekk kif fetaħ il-bieb ta’ barra biex bħas-soltu jmur għall-gazzetta, jilmaħ pakkett ċkejken fil-kaxxa tal-ittri. Għal mument waqaf iħares lejh. Kien jaf li l-posta qatt ma kienet tasal qabel il-ħdax. Bilfors xi ħadd kien xeħithulu kmieni filgħodu jew mal-lejl. Deffes idu fil-kaxxa u ġibed il-pakkett ‘il fuq. Imma hekk kif ir-raġġ dawl li kien dieħel mill-bieb imbexxaq waqa’ fuq dak il-pakkett, Mario ħass qalbu tieqaf…..

Reċensjoni

X’Aħna Smart! ta’ Stephen Lughermo

X’Aħna Smart! huwa l-ewwel rumanz ta’ Stephen Lughermo, għalliem tal-Malti fl-iskola tagħna. B’dan ir-rumanz, fl-2014 l-awtur rebaħ il-konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ.

Ir-rakkont idur madwar il-karattru ta’ Sarah, żagħżugħa ta’ żmienna bi problemi ta’ komunikazzjoni m’ommha li f’seħbitha Nicole, fin-nanna Gwida u, iktar tard, fil-maħbub Robert issib ir-relazzjonijiet soċjali meħtieġa biex tkampa fl-univers żagħżugħ. Meta Robert jisparixxi bla mistenni, Sarah ssib ruħha fiċ-ċentru ta’ avventura sħiħa li tinvolvi l-passat ta’ ommha, xi fotografi qarrieqa u l-karba siekta ta’ żagħżugħa tal-età tagħha. Dan kollu, irrakkontat minn narratur partikolari (l-ismartphone tagħha) li jimxi id f’id ma’ Sarah tul l-avventura kollha u li bħalha u magħha jesperjenza, bil-mod uniku tiegħu, l-emozzjonijiet li jdawlu u jdallmu ħajjitha.

Reċensjoni

Djamantini

Djamantini huwa antoloġija li fih hemm tiżwiqa sabiħa ta’ ġeneri ta’ kitbiet differenti fosthom stejjer, poeżiji u kanzunetti, ilkoll miktubin minn studenti ta’ etajiet, livelli u nazzjonalitajiet varji. Fih ukoll 23 kitba oriġinali li awturi, kantawturi u personalitajiet sinonimi mal-lingwa u l-letteratura Maltija kitbu speċifikament għal din l-antoloġija. Flimkien ma’ dawn il-kitbiet hemm festa ta’ tpinġijiet minn erba’ illustraturi. Partikolarità oħra għal min iħobb l-ilsien Malti hija li qabel il-kitbiet tal-personalitajiet, hemm 23 pittura mpinġija mill-artista Caroline Said Lawrence skont dak li għal dawn il-personalitajiet tfisser il-lingwa Maltija. B’hekk f’dan il-ktieb il-lingwa Maltija mhux biss qed tiġi rrappreżentata f’ġeneri ta’ kitba minn individwi differenti imma wkoll f’pitturi mill-isbaħ. Djamantini huwa ktieb li permezz tiegħu se nterrqu fuq vjaġġ mill-isbaħ fejn il-metafori, it-tifsir, il-kliem, l-emozzjonijiet u l-lingwa jitħalltu mal-kuluri, mal-interpretazzjoni u mal-ħsieb. Fużjoni mill-isbaħ ta’ dak li tfisser għalina l-lingwa Maltija.