Category Archives: Attivitajiet

Spellitona 2015

Ir-rebbieħa tal-ewwel “Spellitona 2015” imħejjija għall-istudenti tal-Form 2 kienu Martina Caruana, Mariah Zahra, Sherona  Camenzuli u  Lindsey Pisani (mix-xellug għal-lemin).  Kull studenta ngħatat ktieb (Djamantini) sponsorjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Nirringrazzjaw minn qalbna lis-Sur David Muscat, Uffiċċjal Edukattiv tal-Malti.

Spellitona

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Diċembru ġiet organizzata “Spellitona” mill-għalliema tal-Malti fejn l-istudenti tat-tieni sena pparteċipaw bis-sħiħ f’din il-kompetizzjoni. Minn erba’ klassijiet ntgħażlu 4 studenti minn kull klassi bħala parteċipanti u riedu jispellu 7 kelmiet tajbin.  Il-grupp rebbieħ kien magħmul minn Lindsey Pisani, Mariah Zahra, Sherona Camenzuli u Martina Caruana.  Kienet kompetizzjoni sabiħa ħafna fejn barra li ħadu gost, tgħallmu wkoll!  L-istudenti rebbieħa se jingħataw ktieb kull wieħed mogħti mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. L-istudenti l-oħra kollha li pparteċipaw se jingħataw Ċertifikat ta’ Mertu.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru, grupp ta’ studenti mill-iskola tagħna kellhom l-opportunità li jżuru l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran, fil-Belt Valletta. L-għadd ta’ kotba għall-wiri kien kbir u kien hemm bosta studenti li xtraw xi ktieb jew tnejn.  Barra minn hekk, l-istudenti kollha kienu mistiedna jattendu għal attività b’rabta mat-tnedija tal-ktieb “X’Aħna Smart!”, rumanz għaż-żgħażagħ miktub minn Stephen Lughermo, għalliem tal-Malti fl-iskola tagħna. It-tnedija kienet tinkludi taħdita mill-Professur Charles Briffa, filmat ta’ wieħed mill-kapitli tal-ktieb, reċta mill-aqwa minn studenti tat-Tielet Sena kif ukoll intervista lill-awtur innifsu.

Żjara s’għand forn tipiku Malti

Nhar it-Tlieta 10 ta’ Novembru, l-istudenti tal-Form 1 ta’ grupp Ċ, ħadu sehem f’attivita’ tal-Malti dwar il-ħobża Maltija. L-istudenti kellhom l-opportunita’ li jżuru forn tipiku Malti fil-viċinanzi tal-iskola, fejn l-istudenti setgħu jaraw il-makkinajru li fih tinħadem l-għaġina kif ukoll ġew spjegati mill-furnar il-proċess tal-ħobża minn meta tkun għaġina sakemm tasal għandna friska u tqarmeċ.

Fl-istess attivita’, l-istudenti żaru wkoll forn ieħor tipiku Malti magħruf ħafna fiż-Żejtun għall-ħelu tradizzjonali li jagħmel. L-istudenti kellhom l-opportunita’ li jagħmlu huma stess ħelu tradizzjonali magħruf bħala ‘l-għadam’.