Category Archives: Attivitajiet

Spellitona 2017

Xogħol tal-idejn għal żmien l-Għid waqt lezzjoni tal-Malti

Girlanda tal-Għid

Għandek bżonn:

• Imqass
• Kolla bajda
• Żewġ wrapping papers differenti
• Kartonċina bajda / kartuna rqiqa tal-kaxxa taċ-ċereali
• Żigarella kkulurita
• Forma ta’ bajda tal-kartun
• Santa ta’ Kristu Rxoxt
1. Pinġi 8 forom ta’ bajda fuq il-kartonċina.
2. Qasqashom u waħħal fuqhom il-wrapping papers ikkuluriti.
3. Erġa’ qasqas u waħħalhom ħdejn xulxin forma ta’ ċirku. Kull ċirku jrid ikun imrikkeb ftit fuq ta’ ħdejh.

Studenti tal-klassijiet tal-Form 1 u 2 għamlu dan ix-xogħol tal-idejn.

Żjara sal-forn Ta’ Pataw

Nhar it-Tlieta 4 t’April l-istudenti tal-form 1 flimkien mal-għalliema tagħhom Ms.Massabielle Zammit, kellhom l-opportunita’ li jżuru forn magħruf bħala Ta’ Pataw fiż-Żejtun u jitgħallmu dwar kif issir il-ħobża tradizzjonali Maltija, bħala parti mil-lezzjonijiet tal-Proġett tat-Tradizzjonijiet Maltin.

Żjara lis-Sede tal-Għaqda Mużikali Beland

Nhar it-Tlieta 11 t’April 2017 l-istudenti tal-klassi 2 Coral flimkien mal-għalliema tagħhom Ms.Massabielle Zammit kellhom attivita’ mhux tas-soltu. Il-lezzjoni saret ġewwa s-Sede tal-Għaqda Mużikali Beland fejn l-istudenti tgħallmu dwar l-attivitajiet li ttella’ din is-Soċjeta’ fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa kif ukoll kellhom l-opportunita’ li jitgħallmu dwar l-arti tas-smid taħt id-direzzjoni tas-Sur Joseph Baldacchino u s-Sur Renato Spiteri.

L-Ispellitona- Appuntament tant mistenni mill-istudenti

Fl-14, 15, 16 ta’ Marzu saret l-ispellitona għall-istudenti tat-tmien sena mtella’ mid-Dipartiment tal-Malti. L-istudenti kienu mqassma skont il-ħiliet tagħhom. F’din l-ispellitona saret spjega tal-punti ortografiċi u b’hekk serviet ukoll bħala taħriġ supplimentari fl-ortografija.

Mawra sal-Palazz tal-Inkwiżitur

Il-klassi 1 Coral mal-għalliema Ms.M.Cachia u Ms.J Cachia morna ġewwa l-palazz tal-Inkwiżitur fejn rajna ħwejjeġ awtentiċi, rajna filmat fuq l-insiġ tal-ħwejjeġ, l-istudenti tellgħu reċta u l-Gwida dawwarna mal-palazz filwaqt li fhemna x’kien isir fil-qorti u ċ-ċelel.

Minn folja għall-Ktieb: Żjara fl-istamperija tal-Gvern

Waqt żjara fl-Istamperija tal-Gvern, il-Klassi 8 Qroll mill-iskola sekondarja taż-Żejtun rajna l-proċess ta’ kif folja issir ktieb. Malli rfisna l-ewwel maduma rajna miljuni ta’ simboli flimkien ma’ twissijiet sabiex min jidħol iżomm il-kwiet…. agħfas hawn biex tkompli taqra. Artiklu miktub minn Marija Camilleri tal-Klassi 8 Qroll.

Mawra sal-wirja dwar il-kompożitur Żejtuni Carlo Diacono

Nhar il-Ħamis 24 ta’ Novembru 2016, aħna l-istudenti tal-klassi 8 Qroll flimkien mal-għalliema Ms.Massabielle Zammit ħrabna ħarba qasira lejn il-każin tal-Għaqda Mużikali Beland li jinsab fiż-Żejtun. Hawnhekk żorna wirja dwar il-ħajja ta’ Carlo Diacono u x-xogħlijiet mużikali importanti li kiteb għall-banda kif ukoll mużka sagra li għadha tindaqq fil-knejjes.

Iż-żjara bdiet meta dħalna fis-sala fejn kien hemm il-wirja u bdejna nosservaw ix-xogħol ta’ Carlo Diacono fosthom il-partituri oriġinali miktuba bil-lapes li kien kiteb hu stess. Grazzi għall-gwida li kellna, is-Sur Charles Debono stajna nifhmu aħjar dak li konna qed naraw fosthom l-istrumenti tal-mużika li kien juża Carlo Diacono.
Carlo Diacono twieled iż-Żejtun fl-1 t’April fl-1876. Fis-sena 1897 hu kompla jimxi fuq il-passi ta’ missieru sabiex inħatar surmast tal-banda Beland li kien waqqaf missieru stess, Orazio. Matul ħajtu, Carlo Diacono kiteb diversi biċċiet ta’ mużika sagra għall-quddies fosthom Oratorji u Antifoni li għadna nisimgħuhom. Mro. Diacono ħalla din id-dinja fil-15 ta’ Ġunju tas-sena 1942. Iżda l-mużika tiegħu għadha ħajja u ppriservata fil-każin tal-Beland.

Din il-ħarġa kienet interessanti ħafna għaliex permezz tagħha tgħallimna iżjed fuq l-oriġini tal-banda Beland u min kien Carlo Diacono.

Miktuba minn Marija Calleja tal-klassi 8 Qroll

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi – Attivitajiet mid-Dipartiment tal-Malti

Nhar it-Tlieta 24 ta’ Ottubru, fl-iskola tagħna ċċelebrajna l-Jum Ewropew tal-Lingwi. Id-Dipartiment tal-Malti fl-iskola tagħna ħejja tliet programmi interessanti maħsuba għal studenti ta’ klassijiet differenti. Kellna preżentazzjonijiet viżivi ta’ poeżiji, spellitona, dramatizzazzjoni ta’ qwiel u idjomi, preżentazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kitba tal-istudenti, kanzunetti bil-Malti u oħrajn. F’din l-okkażjoni l-istudenti setgħu jifhmu kemm l-ilsien Malti jiftaħ bibien ġodda, inkluż lil hinn minn xtutna.

Spellitona

Nhar l-4 ta’ Mejju, ittellgħat l-aħħar Spellitona għal din is-sena skolastika 2016 għall-klassijiet tat-tieni sena. Fiha ħadu sehem Mariah Camilleri (2 Topaz), Mariah Camilleri (2 Ruby), Jack Jordan (2 Pearl), Chanice Schembri ( 2 Pearl), Cassidy Abela(2 Ruby), Dawn Borg (2 Pearl), Iker Pace ( 2 Ruby), Mirayah Carabott (2 Topaz).

Żjara mill-poeta Adrian Grima

Nhar it-Tnejn 11 ta’ April żar l-iskola tagħna l-poeta żagħżugħ Adrian Grima. Adrian iltaqa’ mal-istudenti tal-Form 4 (GRP A – Malti) u magħhom qasam l-esperjenza tiegħu bħala poeta. Stqarr mal-istudenti li beda jikteb minn mindu kellu 14-il sena u dak iż-żmien kien jikteb poeżiji tad-daħq bil-Malti u bl-Ingliż. Maż-żmien intebaħ li kien aktar komdu jikteb bil-Malti milli bl-Ingliż u minn dakinhar qatt aktar ma kiteb bl-Ingliż. Qal ukoll li l-poeżiji tiegħu huma maqlubin għal bosta lingwi fosthom bil-Franċiż u bl-Ingliż. Fost il-ħafna poeżiji li kiteb, saret diskussjoni dwar żewġ poeżiji partikulari: “B’Idejna” u “Aċitilena”. Din kienet esperjenza mill-isbaħ li matulha l-istudenti fehmu u ntebħu li l-poeti mhumiex kollha anzjani jew mejtin.

image

Attivita’: Aqra Ktieb għal Qalbek

Nhar l-Erbgħa 6 ta’ April 2016, fl-Assembly tal-Form 2 u l-Form 4 saret il-preżentazzjoni mill-istudenti ta’ Grupp D tal-Malti fil-Form 2 dwar ktieb li qraw bil-Malti.
Il-preżentazzjoni saret mill-istudenta Mariah Saliba tat-2 Opal li tkellmet dwar il-ktieb Noella u l-Ħabib il-Ġdid ta’ Rita Grech, kif ukoll l-istudenti Mariah Debono u Rebecca Zammit tat-2 Jade, li tkellmu dwar il-ktieb Il-Pulena tad-Deheb ta’ Trevor Żahra.
Kull studenta ppreparat preżentazzjoni bil-PPT, liema preżentazzjonijiet intwerew lill-istudenti fl-Assembly fuq l-iskrin fis-sala tal-iskola.

Attivita’: L-Imħabba li ma tmut qatt

Nhar it-Tnejn, 7 ta’ Marzu, l-istudenti tat-3 Pearl tellgħu fis-sala tal-iskola dramm li kitbu huma stess bit-titlu “L-imħabba li ma tmut qatt”. Dan id-dramm jissejjes fuq in-novella “Ir-Raġel tal-Klieb” ta’ Oliver Friggieri misjuba fil-ktieb “Stejjer għal Qabel Jidlam”. Id-dramm jitkellem dwar koppja li qatt ma kellhom tfal. Minħabba f’hekk, ir-raġel spiċċa ħabb ħafna lill-klieb tant li d-dar tiegħu u ta’ martu mtliet klieb. Dan wassal sabiex bejn il-koppja miżżewġa nħoloq l-inkwiet li wassal għal nuqqas ta’ komunikazzjoni.  L-istudenti tat-3 Pearl, bl-għajnuna tal-għalliem tagħhom u l-LSA, żviluppaw b’mod kreattiv in-novella ta’ Friggieri u tawha l-laqta tagħhom. Nirringrazzjaw lil kull min ġie jara dan id-dramm.

Attivita’: X’Aħna Smart!

Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Frar l-istudenti tat-tielet sena kellhom l-opportunità li jattendu għal attività marbuta mar-rumanz X’Aħna Smart! miktub minn Stephen Lughermo, għalliem tal-Malti fl-iskola tagħna. Dan ir-rumanz, li rebaħ il-Konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ 2014, huwa inkluż fil-lista ta’ rumanzi li l-istudenti tat-tielet sena jistgħu jużaw għall-proġett tagħhom. Għalhekk kien xieraq li jsiru jafu iktar dwaru u dwar il-kitba tiegħu.
L-attività bdiet b’introduzzjoni qasira mis-Sur Formosa, il-librar tal-iskola, li tkellem ftit dwar il-ġrajja u xi karattri tar-rumanz. Imbagħad kien imiss lil Bernice Mifsud u Chanelle Zammit li, b’reċta żgħira, taw idea ta’ x’se tkun tinvolvi l-attività. Wara dan, l-istudenti kellhom iċ-ċans li jaraw filmat ta’ kapitlu tal-ktieb li fih, fost l-oħrajn, ħadu sehem Kirsty Collins u Sarah Marie Mifsud.
Fi tmiem il-filmat, tliet studenti oħra tat-tielet sena (Kristy Xuereb, Yasmin Micallef u Christine Galea) intervistaw lis-Sur Lughermo b’sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-kitba kreattiva u dwar ir-rumanz innifsu. Finalment, l-attività ġiet fi tmiemha b’xena oħra mill-ktieb li kienet twaħħad ir-reċtar mal-filmati.
Nittamaw li attivitajiet ta’ dan it-tip ikomplu jħeġġu l-istudenti jersqu dejjem aktar lejn id-dinja msaħħra tal-qari.

Attivita’: Aqra Ktieb għal Qalbek bil-Malti

Inizjattiva ġdida li bdiet matul din is-sena skolastika hi l-attività intitolata ‘Aqra Ktieb għal Qalbek bil-Malti’ u hi mmirata għal studenti tal-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja (Form 1-2).
L-istudenti minn żewġ klassijiet (gruppi / settings tal-Malti) fil-Form 1 u l-istudenti minn żewġ klassijiet fil-Form 2 qed jintalbu jaqraw ktieb bil-Malti li qatt ma qraw qabel u li jinteressahom u jagħmlu preżentazzjoni dwaru fil-forma ta’ taħdita quddiem sħabhom fil-klassi f’lezzjonijiet iddedikati għal dan il-għan, filwaqt li wħud minnhom jagħmlu wkoll il-preżentazzjoni quddiem l-istudenti kollha tal-Form 1 u 2 skont il-każ waqt Assembly maħsuba għal dan bħala rappreżentanti tal-grupp / klassi tagħhom.
L-attività hi mifruxa tul is-sena skolastika billi l-klassijiet rispettivi qed jingħataw dan ix-xogħol f’perijodi differenti matul is-sena.
L-iskop tal-attività huwa li tqajjem iktar kuxjenza favur il-qari ta’ kotba bil-Malti fost l-istudenti, u tgħinhom isiru iktar midħla ta’ kotba ġodda bil-Malti li jkopru ġeneri differenti skont il-gosti tagħhom.
Din l-attività hi kkoordinata mis-Sur S. Farrugia fil-każ tal-Form 2 u mis-Sa. K. Haber fil-każ tal-Form 1.

It-tnedija tal-proġett “L-Għodda f’Idejk”

Nhar it-Tlieta l-1 ta’ Marzu, fl-iskola tagħna saret it-tnedija tal-proġett “L-Għodda f’Idejk” imfassal mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Il-programm inbeda b’kelmtejn ta’ merħba mill-Kap tal-Iskola, is-Sa Anna Spiteri Meilak. Wara saret reċta oriġinali mtellgħa minn Nicole Callus (1 CORAL) u Chenille Catania (1 GARNET) dwar il-leġġenda magħrufa tal-Kastell Żamitellu. Il-programm kompla permezz ta’ preżentazzjoni mużikali ta’ “Il-Maltija” minn grupp ta’ studenti mmexxija mis-Sur Pierre Grech, l-għalliem tal-mużika. L-istudenti involuti huma: Mariah Barbara, Mariah Zahra, Kurt Zahra (2 JADE) — klarinett, Carlos Lucas (1 RUBY) — trumbetta, Thomas Farrugia (1 JADE) — perkussjoni u Yasmine Micallef (3 CORAL) — flawt.  Segwiet reċta oriġinali oħra mtellgħa minn Sera Bonanno u Christine Desira (1 CORAL) bl-isem ta’ “Il-Bużnanna Katerin”. Wieħed mill-Uffiċjal Edukattiv tal-Malti tkellem dwar il-Proġett “L-Għodda f’Idejk”. Kien hemm ukoll preżentazzjoni tal-pakkett ta’ kotba u riżorsi lill-għalliema tal-Malti mill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni, is-Sur Evarist Bartolo. Fl-aħħar nett saret preżentazzjoni ta’ pittura oriġinali ta’ Albert Mizzi (2 OPAL)  mnebbħa mill-poeżija “Ġejja x-Xita” ta’ Mary Meilak lill-Ministru tal-Edukazzjoni bħala tifkira tal-okkażjoni.

Attivita’ Form 3 Pearl

Illum, 20 ta’ Jannar, l-istudenti tal-klassi 3 PEARL żaru l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Matul iż-żjara, l-istudenti mhux biss tgħallmu affarijiet relatati mal-ajruport imma fuq kollox kellhom l-opportunità jidħlu f’imkejjen tal-ajruport li huma riservati għal min ikun se jsiefer. Wara li dorna mas-sala tat-tluq, għaddejna minn dik it-taqsima li fiha ċċekkjawlna l-basktijiet. Wara tlajna fuq fejn il-passiġġieri li jkunu se jsiefru jistennew li jsejħulhom sabiex jimbarkaw fuq l-ajruplan. Dħalna wkoll f’sala mill-isbaħ li fiha jistennew passiġġieri speċjali u li jkunu ħallsu aktar flus biex jingħata trattament xieraq. Fl-aħħar inżilna isfel fejn il-passiġġieri li jkunu għadhom kemm waslu Malta jieħdu l-bagalji tagħhom wara li jkunu tniżżlu mill-ajruplan. Din kienet esperjenza mill-isbaħ għal kulħadd.

Spellitona 2

Ir-rebbieħa tat-tieni “Spellitona 2016” imħejjija għall-istudenti tal-Form 2 kienu Amber Marie Coleiro, Maria Magro Conti, Alessandro Parrella u  Michaela Gravina (2 Coral).  L-istudenti se jingħataw ktieb (Djamantini) sponsorjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Nirringrazzjaw minn qalbna lis-Sur David Muscat, Uffiċċjal Edukattiv tal-Malti.

Żjara sal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Birgu

Nhar l-14 ta’ Jannar 2016, klassi ta’ studenti mill-ewwel sena kellhom l-opportunità li jmorru jaraw il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu, mal-għalliema tal-Malti.  Hemmhekk il-gwida responsabbli spjegalna minn fejn ġej il-materjal tal-qoton u s-suf permezz ta’ filmat u spjegazzjoni interessanti.  Wara stajna naraw l-ilbies awtentiku tradizzjonali Malti jiġifieri dak tar-raħħala u n-nies sinjuri Maltin. L-istudenti kellhom l-opportunità biex jiflu mill-qrib ilbies ta’ aktar minn mitt sena ilu.  Fl-aħħar spiċċajna ż-żjara tagħna permezz ta’ reċta mill-istudenti stess dwar l-inkwiżizzjoni.  Libsu kostumi ta’ raħħala, l-inkwiżitur u ċ-ċerimonjier fost oħrajn u rreċtaw ir-reċta fit-tribunal stess ta’ ta’ dak iż-żmien.  Kienet esperjenza sabiħa u interessati kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema.

Ġurnata Għawdex

Nhar is-Sibt 12 ta’ Diċembru, l-istudenti tal-Ħames Sena (Grupp A) marru ġurnata Għawdex.  Din l-attività kienet organizzata minn Dr Kenneth Grima (il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti) bl-għajnuna tas-Sur Vincent Bartolo (għalliem tar-Reliġjon), is-Sinjura Amanda Cassar (għalliema tal-Ingliż) u s-Sinjura Rodiann Zammit (l-Assistent Kap responsabbli mill-Form 3 u l-Form 5).  Matul il-ġurnata l-istudenti ttieħdu ċ-Ċittadella u wara żaru l-mużew “Il-Ħaġar” li jinsab fil-qalba tal-Belt Victoria.  Hemmhekk iddawru mal-mużew u attendew għal kunċert imtella’ mill-istudenti tal-iskola tal-mużika.  Wara telgħu l-għolja tal-Għammar quddiem is-santwarju ta’ Ta’ Pinu.  Ilkoll flimkien kilna f’restorant fix-Xlendi u ħadna ġelat mill-aktar bnin.  Wara nofsinhar żorna l-għar ta’ Calypso minn fejn ammiranja l-ġmiel tar-Ramla l-Ħamra. Din l-attività ntemmet billi żorna l-presepju l-ħaj li hemm f’Għajnsielem.  Kienet ġurnata li ma ninsewha qatt. Grazzi lil kulħadd.

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20151227/gozo/Educational-visit.596937